Il-Ministru Miriam Dalli tisħaq bi sħiħ fuq il-ħtieġa li s-suċċess ekonomiku tal-Gżejjer Maltin jintrabat mas-sostenibbiltà ambjentali u kwalità ta’ ħajja aħjar. L-impenji ewlenin ta’ Dalli jinkludu l-pjan fit-tul biex Malta tikseb in-newtralità fil-klima sal-2050, il-pjan nazzjonali ta’ seba’ snin għal aktar spazji miftuħa ġodda f’Malta u Għawdex, u l-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet  Magħquda. Ix-xogħol tagħha huwa wkoll iffukat fuq il-promozzjoni ta’ prattiċi sostenibbli għan-negozji u s-sapport għat-tisħiħ t’intrapriżi ġodda u innovattivi f’Malta.

Bħala Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli bejn 2020 u 2022, Il-Ministru Dalli mexxiet l-għajnuna tal-Gvern biex tħares l-ekonomija lokali mill-impatti katastrofiċi li ġabet il-pandemija tal-Covid, b’diversi inizzjattivi fosthom il-Wage Supplement u Sussidju fuq il-Kiri u l-Enerġija, b’appoġġ finanzjarju lill-familji u n-negozji. Ħadmet ukoll biex tiżgura prezzijiet tal-enerġija stabbli permezz ta’ diversi negozjati fuq livell Ewropew.

L-impenn għall-istabbilita’ fil-prezzijiet tal-enerġija sar aktar sinifikanti matul l-2022, fejn wara l-elezzjoni, bħala l-Ministru                  għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli ħadmet bi sħiħ fid-deċiżjoni tal-Gvern li jtaffi l-effetti tal-kriżi internazzjonali            fl-enerġija kkawżata mil-gwerra fl-Ukranja. Permezz ta’ din il-politika ta’ stabbilita’, il-familji f’Malta kienu fost l-uniċi żewġ pajjiżi             fl-Ewropa li ma rawx żidiet fil-kontijiet tal-enerġija, filwaqt  li l-ekonomija baqgħet tirreġistra tkabbir ekonomiku b’rati ogħla minn pajjiżi oħra fl-istess reġjun.

Il-Ministru Dalli qed tkompli taħdem biex tmexxi ‘l quddiem il-pjan fit-tul għas-sigurtà fil-provvista u s-sostenibilità fis-settur                 tal-enerġija, fost oħrajn b’opportunitajiet ġodda t’investiment fis-sistemi t’enerġija rinovabbli offshore u interkonnessjonijiet                tal-enerġija ġodda li jgħaqqdu lil Malta mal-bqija tal-Ewropa.

Wara li kkontestat u ġiet eletta fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 u 2019, f’Ottubru 2020 Miriam Dalli ċediet postha           mil-Parlament Ewropew biex isservi fil-Parlament ta’ Malta, fejn ħadet ukoll il-kariga ta’ Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli. Wara li ġiet eletta mill-ġdid fl-elezzjoni ġenerali tal-2022, hija ġiet appuntata Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u                   l-Intrapriża.

Matul is-snin fil-Parlament Ewropew bejn Mejju 2014 u Ottubru 2020, il-Ministru Dalli serviet bħala membru  fil-Kumitati tal-Ambjent, Saħħa Pubblika u Sigurtà fl-Ikel, fil-Kumitati tal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni u fid-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-UE għal Mediterran. Fl-2019, hija ġiet eletta bħala viċi-Chairperson tal-Grupp Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.

F’Marzu 2016, Miriam Dalli ntgħażlet bħala ‘MEP of the Year’ fis-settur tal-Enerġija. Fost diversi rikonoxximenti Ewropej fil-qasam          tal-ambjent, f’Diċembru 2018, Dalli ġiet nominata biex tkun parti mill-Politico 28 Class of 2019, lista ta’ ‘doers, disrupters and dreamers’ li se jibdlu l-Ewropa fl-2019. Politico ddeskriviet lil Dalli bħala ‘eco warrior’, b’apprezzament għal ħidmietha lejn l-eletrifikazzjoni u               t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-vetturi fl-Ewropa.

Dr Miriam Dalli, li bi professjoni hija avukat, gradwat fil-Baċellerat tal-Liġi mill-Università ta’ Malta. Iggradwata wkoll                                   fil-Kommunikazzjoni mill-Università ta’ Malta u kompliet l-istudji tagħha b’Masters fl-Istudji Ewropej u Masters fl-Amministrazzjoni  tan-Negozju.